REGOLAMENTI 2015
L-Għanja tal-Poplu 2015 (39 Ed)

Festival ta’ Kanzunetti Oriġinali bil-Malti Kantati u Akkumpanjati Live
Niżżel Applikazzjoni GTP 2015
IL-FESTIVAL
01.Il-festival L-Għanja tal-Poplu 2015 huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti, interpretati u akkumpanjati live.
02. L-għanijiet ewlenija tal-festival huma:
(a) li jġib ’il quddiem il-kanzunetta Maltija ta’ kwalità;
(b) li joħloq opportunità biex il-kompożituri u l-awturi jwasslu l-kanzunetta tagħhom lill-pubbliku Malti;
(ċ) li jkompli jgħin lill-artisti Maltin anke wara l-festival biex isibu udjenza dejjem ikbar għall-kanzunetta tagħhom.
03. Bħala ‘L-Għanja tal-Poplu’, il-festival jinkoraġġixxi l-kanzunetta b’tema soċjali, imma l-kanzunetti ma jiġux iġġudikati fuq dan il-kriterju. Għat-tema soċjali jingħata premju apparti.
04. Il-festival jiżvolġi f’żewġ fażijiet:
(a) il-fażi tal-eliminatorja, li fiha mill-kanzunetti kollha ppreżentati jintgħażlu l-kanzunetti finalisti; din tista’ ssir f’żewġ stadji, skont in-numru ta’ sottomissjonijiet.
(b) il-fażi finali, li fiha jiġu interpretati, iġġudikati u kklassifikati l-kanzunetti finalisti, u li din is-sena se ssir is-Sibt 21 ta’ Marzu 2015.

IL-KANZUNETTI
05. Biex jidħlu għal L-Għanja tal-Poplu, il-kanzunetti jridu jkunu:
(a) oriġinali, jiġifieri l-lirika u l-mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippubblikati;
(b) bil-Malti;
(ċ) mhux itwal minn tliet minuti u nofs.
06. It-tema tal-kanzunetta hija libera, jiġifieri tista’ tittratta kull suġġett. (Għalkemm il-festival jinkoraġġixxi l-kanzunetta b’tema soċjali, il-kanzunetti ma jiġux iġġudikati fuq dan il-kriterju. Għat-tema soċjali hemm premju apparti.)
07. Il-kanzunetti b’tema vulgari jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċettati.
08. L-istil mużikali tal-kanzunetti huwa liberu.

L-ELIMINATORJA
09. Għall-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti:
• PARTEĊIPANT tfisser “persuna jew grupp li jkollha sehem fil-ħolqien tal-kanzunetta bħala awtur tal-versi jew kompożitur tal-mużika”.
• INTERPRETU tfisser “persuna/i (raġel jew mara) li jkollha/hom sehem fit-twassil tal-kanzunetta lill-udjenza”. Dan jinkludi kantant/a/i jew mużiċist/a/i.
• KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta kanzunetta kliem u mużika tal-persuna / grupp stess.”
10. Il-parteċipanti huma mistiedna jippreżentaw il-kanzunetti tagħhom biex jiġu ġġudikati fl-ewwel fażi tal-Festival.
11. Parteċipant jista’ jippreżenta iktar minn kanzunetta waħda għall-eliminatorja.
12. Fis-serata finali kantant jista’ jinterpreta sa żewġ kanzunetti.
13. Kull parteċipant jew interpretu prinċipali ta’ xi kanzunetta ppreżentata fis-serata finali tal-festival għandu jkollu/ha sittax-il sena jew iktar sal-21 ta’ Marzu 2015.
14. Għal kull kanzunetta jrid jiġi ppreżentat envelop A4 separat li jkun fih:
(a) rikording tal-kanzunetta fuq CD bl-isem tal-kanzunetta miktub fuqha.
(b) sitt kopji tal-lirika;
(ċ) l-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni, mimlija mill-parteċipanti;
(d) kontribuzzjoni ta’ €25.
15. L-envelops tal-kanzunetti jintlaqgħu fl-uffiċċju tal-Y.T.C., 227 Triq il-Merkanti, il-Belt, nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Jannar 2015 ( data estiża minflok 9 ta’ Jannar ) f’dawn il-ħinijiet:
• filgħodu bejn l-10:30 am u l-11:45 am,
• filgħaxija bejn is-7:00 pm u d-9:00 pm.
16. Il-ġurija tal-eliminatorja tkun magħmula minn persuni esperti fil-lirika, fil-mużika jew fit-tnejn. L-eliminatorja tista’ issir f’żewġ fażijiet skont in-numru ta’ sottomissjonijiet.
17. Il-ġurija tal-eliminatorja tiġġudika qabelxejn il-kwalità tal-lirika u l-melodija tal-kanzunetti u r-rabta ta’ bejniethom u mhux il-preżentazzjoni jew il-kwalità akustika tagħhom. Mhux mitlub recording demo ta’ kwalità professjonali. B’hekk parteċipant jista’ jevita spejjeż żejda.
18. Għal kull kanzunetta sottomessa għal L-Għanja tal-Poplu jingħataw 2 biljetti għas-Serata Finali tal-festival. Il-biljetti jinġabru mill-Y.T.C. fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu 2015.
19. Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis-serata finali jew mis-CD uffiċjali tal-Festival.

IL-FAŻI FINALI
IL-PUBBLIĊITò U S-CD TAL-FESTIVAL
20. Il-kanzunetti, il-parteċipanti u l-interpreti finalisti tingħatalhom pubbliċità fuq il-mezzi tax-xandir (radju, televiżjoni u internet). Il-kanzunetti finalisti jistgħu jixxandru fuq ir-radju, televiżjoni u l-internet. Il-parteċipanti huma mitluba jikkoperaw kemm jistgħu mal-kumitat organizzattiv biex dan ikun jista’ jsir bl-aħjar mod.

21. Bħal kull sena, il-Kumitat tal-festival jippubblika CD uffiċjali tal-festival bil-kanzunetti finalisti kollha bi ktejjeb bil-lirika tal-kanzunetti. Ir-rikording ta’ dawn il-kanzunetti jsir bejn l-eliminatorja u s-serata finali, u f’dan iż-żmien hija mistennija l-koperazzjoni tal-parteċipanti kollha.
22. L-organizzaturi tal-festival ikollhom id-dritt jinkludu l-kanzunetti finalisti fis-CD tal-festival, imma d-drittijiet tal-kanzunetti jibqgħu tal-awturi u l-kompożituri tal-kanzunetti.

IL-PROVI

23. Min se jieħu sehem fil-festival irid ikun lest li jattendi f’dawn id-dati:

L-Erbgħa 18 ta’ Marzu filgħaxija , meta issir prova ta’ nofs il-kanzunetti
Il-Ħamis 19 ta’ Marzu filgħaxija, meta issir prova tal-bqija tal-kanzunetti.
Il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu filgħaxija, meta ssir il-prova ġenerali.
Is-Sibt 21 ta’ Marzu, nhar il-festival, jekk ikun hemm bżonn filgħodu, u filgħaxija waqt is-serata finali sakemm jitħabbar ir-riżultat.
24. Għas-serata finali u għall-provi, il-kumitat tal-festival se jipprovdi: pjanu, drum-kit, kif ukoll tliet digital input boxes, żewġ mikrofoni għall-kantanti u żewġ mikrofoni għall-backing vocals. Jekk tipprevedi xi problemi tekniċi, inti mitlub tinforma lill-kumitat minn qabel. Se ngħinu billi noffru is-servizz ta’ pjanist jekk nintalbu.

IS-SERATA FINALI
25. Il-kanzunetta li titkanta fil-finali trid tkun l-istess kanzunetta, fil-lirika u l-melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl-eliminatorja. Korrezzjonijiet jistgħu jsiri bl-approvazzjoni tal-kumitat organizzattiv.
26. Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l-kanzunetta bl-iktar mod xieraq għas-suġġett, ta’ min ifakkar li l-esaġerazzjoni fil-moviment, fl-ilbies, fiż-żfin, fil-mima, eċċ. tista’ taljena l-attenzjoni tal-udjenza mil-lirika u l-melodija, li huma l-qofol tal-kanzunetta.
27. Il-ġurija tal-Finali tkun magħmula minn persuni,esperti fil-lirika, fil-mużika jew fit-tnejn, li jkunu differenti mill-ġurija tal-eliminatorja.
28. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ L-Għanja tal-Poplu huma finali.

IL-PREMJIJIET
29. Ir-rikonoxximent tal-awturi u l-kompożituri tal-kanzunetti kklassifikati fl-ewwel tliet postijiet jikkonsisti fi trofew għall-kanzunetta lill-awtur u ieħor lill-kompożitur u ieħor lill-kantant/a.

Jingħataw premjijiet ta’ flus kif ġej:

€1000 lill-parteċipant/i bil-kanzunetta klassifikata fl-ewwel post
€600 lill-parteċipant/i bil-kanzunetta klassifikata fit-tieni post
€400 lill-partecipant/i bil-kanzunetta klassifikata fit-tielet post
€500 lill-parteċipant/i li jingħata l-premju kantawtur
30. L-awtur u l-kompożitur tal-kanzunetta rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2015 jingħatalhom ukoll it-trofew L-Għanja Tal-Poplu li jinżamm sal-edizzjoni tal-festival ta’ wara.
31. Ir-rikonoxximenti jinkludu wkoll:

trofew lill-awtur tal-kanzunetta bl-aħjar tema soċjali,
trofew lill-kantant/a jew grupp bl-aħjar interpretazzjoni,
trofew għall-aħjar talent żagħżugħ.
Is-sehem tiegħek f’dan il-festival jista’ jkun esperjenza pożittiva għall-karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana. Min-naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tal-website www.ghanjafest.com.
Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdusehem fil-festival, ħajjarhom jipparteċipaw.
Ir-regolamenti u l-applikazzjoni jinstabu fuq il-website tal-festival.

www.ghanjafest.com
www.facebook.com/GhanjaTalPoplu

ON TOUR - BUY TICKETS NOW!

,

LATEST NEWS